Ninsabu f’sitwazzjoni li l-ebda pajjiż fid-dinja qatt ma esperjenza. Dak li kien pakkett ambizzjuż il-ġimgħa li għaddiet, jista’ jiġi aġġustat il-ġimgħa d-dieħla skont ir-realtajiet differenti li jiżviluppaw.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela meta f’intervista fuq ONE, tkellem dwar il-pakkett ta’ miżuri li nieda l-Gvern aktar kmieni din il-ġimgħa biex jindirizza l-isfidi ekonomiċi tal-familji u n-negozji milquta mill-Coronavirus.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega: “B’mod differenti mir-realtà li jkollok f’baġit normali – f’baġit normali inti jkollok numru ta’ xhur li qed tippjanah u taf x’inhu ġej, jiġifieri għandek outlook ta’ dak li huwa ġej u tkun qed tantiċipa dak li għandek ġej quddiemek. Hawnhekk għandek realtà li l-ebda pajjiż fid-dinja qatt ma esperjenza.”
Il-Prim Ministru saħaq li dan mhux il-mument li niftaħru bis-surplus imma li jintuża b’mod għaqli.
Huwa sostna: “Wieħed irid jifhem, u n-negozji tagħna qegħdin jifhmu, li din hija sitwazzjoni li b’mod ottimist aħna qed ngħidu li m’għandhiex ittul ħafna imma jista’ jkollok ċirkostanza fejn ittul u għaldaqstant il-munizzjoni li għandek – il-munizzjoni huma r-riżervi u l-fondi li għandu l-Gvern – ma tistax taħraqhom fl-ewwel ġimgħa.”
Il-Prim Ministru qal li qed isib kooperazzjoni sħiħa mill-imsieħba soċjali li qed jiġbdu ħabel wieħed, u tenna li jinsab konvint li b’rieda tajba, bħala poplu nistgħu naffaċċjaw l-isfidi u nsolvuhom.
Madanakollu, Robert Abela tenna d-diżappunt tiegħu għal kif qed taġixxi l-Oppożizzjoni. Qal li jaċċetta kritika kostruttiva li tista’ twassal għal soluzzjonijiet, bħalma saret mill-imsieħba soċjali, iżda nnota li l-Oppożizzjoni qed toħroġ bi proposti li lanqas biss huma costed.
Il-Prim Ministru stqarr:“Faċli tkun populist u tista’ tirbaħ ċertu punti wkoll. Dan mhux il-mument tal-populiżmu, dan mument fejn inti għandek realtà straordinarja li ebda pajjiż fid-dinja, ebda ekonomija fid-dinja, qatt ma esperjenzat qabel.”
Il-Prim Ministru qal li f’mument meta suppost il-Gvern qed isib spalla mill-Oppożizzjoni, qed isib biss kummenti partiġġjani.
Huwa qal: “Missni smajt mill-Kap tal-Oppożizzjoni u għamilt il-lockdown fil-mument li talab hu! Kieku sal-lum għandna l-awtoritajiet tas-saħħa tagħna li għadhom qed jgħidulna, mhux il-mument tal-lockdown. Immaġinak kieku smajt minnu u għamilna lockdown, għandna persuni li ilhom imsakkrin ġo djarhom ara għal kemm żmien. Fil-mument li jista’ jkun, mhux qed neskludi, li jista’ jkun ikollna bżonn nagħmlu lockdown, kulħadd ikun xeba kompletament ġod-dar tiegħu u jkollok nies li fil-mument li dik id-direttiva trid tiġi obduta, ma jobdiha ħadd.”
Dr Abela qal li jifhem li dan huwa perjodu ta’ skumdità iżda saħaq li hemm bżonn ngħixu dan il-mument u nagħmlu sagrifiċċju.
Appella biex in-nies u t-tfal ma jinġabrux flimkien f’postijiet pubbliċi għaliex inkella jintilef l-iskop li ngħalqu l-iskejjel u r-ristoranti.
“Irnexxielna b’tant sagrifiċċju, din mhix xi ħaġa li rnexxielna nikkontjenu bl-amment, ħdimna fuq li ħdimna, għamilna pjan fuq pjan, u implimentajna dak li ħdimna dwaru. Jekk mhux se jkollna kooperazzjoni sħiħa mill-pubbliku, ikollna nżidu l-miżuri, dik hija r-realtà”, appella l-Prim Ministru