“Ma nistgħux naċċettaw emendi li jnaqqru l-kunċett tal-ugwaljanza.” Dan qalu l-Prim Ministru u mexxej Laburista Joseph Muscat waqt kollegament telefoniku fuq One Radio li fih kien kategoriku u ċar dwar il-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ.
Sostna li ma ħasibx li din il-liġi kienet se tqajjem diskussjoni hekk kif meta fil-leġislatura li għaddiet kien mistoqsi dwar dan, il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien qal li jaqbel ukoll u li m’hemmx għalfejn jiddiskutuha.
Qal li allura jista’ jifhem li meta l-kap tal-Oppożizzjoni kkometta lilu nnifsu, ma kellux l-appoġġ tal-partit tiegħu stess.
Il-liġi li dwarha se jkun hemm vot nhar l-Erbgħa li ġej, hija liġi li l-Prim Ministru qal li l-Gvern Laburista huwa kommess dwarha, li tinħass bħala kruċjali li hija kwistjoni ta ugwaljanza, jew temmen fiha jew le, u mhux kwistjoni ta emendi.
Filwaqt li tenna li jirrispetta lil min ma jaqbilx ma’ din il-kwistjoni, ma jistax jifhem kif din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni qed tgħid li suppost ħa tivvotta favur iżda l-membri tagħha, aktar minn nfoshom, jitkellmu kif qishom se jivvuttaw kontra.
Żied jgħid li din mhux kwistjoni ta’ konvenzjenza politika imma ta’ prinċipju.
Fisser kif il-pajjiż ma ffukkax biss fuq il-Presidenza iżda rnexxielu jikseb ukoll riżultati oħra għall-pajjiż.
Fakkar kif din il-ġimgħa ħarġet statistika pożittiva dwar x’kien qed jiġri fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna fi żmien l-elezzjoni ġenerali.