Id-diskussjonijiet ta’ Marrakesh dwar il-Klima (COP22) li saru l-ġimgħa l-oħra servew biex fakkru lill-mexxejja kollha li wieħed ma jistax imur lura mill-progress li qed isir fuq tranżizzjoni għal arja aktar nadifa, qalet l-MEP Miriam Dalli.
Waqt diskors fil-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi tad-diskussjonijiet tal-COP22, l-MEP Laburista qalet li l-mexxejja kollha għandhom jonoraw l-impenn li daħlu għalih fil-ftehim ta’ Pariġi s-sena li għaddiet, biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti. Dan fil-kuntest tal-aħħar żviluppi fl-iStati Uniti u l-elezzjoni ta’ Donald Trump.
“Il-messaġġ hu wieħed u ċar. Jekk pajjiż jaħseb li għandu joħroġ mill-ftehim ta’ Pariġi u ma jonorax l-obbligi tiegħu, il-pajjiżi l-oħra għandhom iżidu l-pressjoni. Mexxejja minn madwar id-dinja jridu jirrikonoxxu li t-tibdil fil-klima għandha bżonn attenzjoni immedjata, u li d-dinja kollha trid tiġbed l-istess ħabel,” sostniet Miriam Dalli.
Hi kkritikat in-nuqqas ta’ implimentazzjoni li s’issa kien wieħed inkonsistenti, filwaqt li rrimarkat li “t-tibdil fid-dinja reali qed jiġri b’aktar ħeffa minn dak li qed jimxu bih il-gvernijiet matul in-negozjati.”
Matul is-sessjoni plenarja li nżammet fi Strasburgu, Dr Dalli għamlet intervent ieħor waqt id-diskussjoni fuq id-Direttiva tal-Kwalita’ tal-Arja, li fiha sejħet għal aktar miri ambizzjużi u għodda leġislattivi biex jintlaħqu l-oġġettivi fit-tul.
“It-tniġġiż tal-arja la tirrikonoxxi fruntieri u lanqas distanza bejn pajjiż u ieħor. Qed nitkellmu fuq is-saħħa taċ-ċittadini tagħna, u għalhekk il-gvernijiet għandhom jaħdmu aktar. Konformita’ sħiħa hija mistennija mill-iStati Membri kollha biex jiġi assigurat li d-dritt għal arja nadifa jkun salvagwardjat,” temmet tgħid Miriam Dalli.
Ir-reviżjoni tad-Direttiva għall-Kwalita’ tal-Arja tinkludi miri fuq l-emissjonijiet sal-2030 fuq ħames sustanzi, inkluż Sulphu Dioxide (SO2) u Nitrogen Oxides (NOx).