Jien mhux ser noqgħod nistenna lil min ma jpoġġinix fil-grupp tal-preferuti tiegħu. Hekk iddikjara l-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius b’referenza għall-fazzjonijiet fil-partit.
“Ma noqgħodx nistenna lil min ma jpoġġinix fil-grupp tal-preferuti tiegħu”
Din id-dikjarazzjoni xxejjen dak li qal fl-aħħar jiem id-deputat Claudio Grech, li fuq l-istazzjon nazzjonali qal li fil-Partit Nazzjonalista ma hemmx fazzjonijiet.
Waqt li kien qed jieħu sehem fi programm fuq l-istazzjon Smash, id-deputat Nazzjonalista qal li ma ħax pjaċir bil-mod kif tkellmu ċertu deputati nazzjonalisti u li kieku kien flokhom, ma kienx jagħmel bħalhom.
Dan b’referenza ċara lejn deputati bħal Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Therese Comodini Cachia u diversi membri parlamentari oħrajn mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
“Jien għandi deputati li ma niħux pjaċir li f’ċertu okkażjonijiet ma niħux pjaċir nismagħhom jitkellmu. Kieku kont flokom ma kontx nitkellem b’dak il-mod.”
Qal ukoll li bil-kitbiet li qed isiru hemm lok li jsir id-deni.
“B’li se nikteb ħa nagħmel ġid lill-partit u l-pajjiż? Jew ħa nagħmel deni? Kull min jikteb xi ħaġa li m’għandux jiktibha, kulħadd wara ddispjaċih għax għaġġel. Hawn min żbalja u reġa waqa’ u hawn min le.”
U fi sfond ta’ iżjed argumenti u ġlied dwar jekk il-proċess tal-firem li qed jinġabru sabiex Adrian Delia jitlob vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali jistax isir jew le, Agius iddikjara li dak li għandu jsir irid isir skont l-istatut tal-Partit.
Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat wara t-telfiet elettorali massiċċi, il-fazzjoni ta’ Busuttil intensifikat il-kampanja tagħha sabiex Adrian Delia jirreżenja jew jitneħħa minn Kap Nazzjonalista.
“Irridu naraw li dak li jsir, isir skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista.”
Il-Viċi-Kap Nazzjonalista tenna wkoll l-akkuża lill-fazzjoni ta’ Busuttil li qed tagħmel il-ħsara fil-partit meta dan ikun beda miexi ‘l quddiem.
“Għalhekk ikun hemm min qed jara l-partit miexi ‘l quddiem u forsi jara kif jagħmel biex jiġbdu lura.”