“Tliet ġimgħat ilu, jien tlift nofsi.”
Kien dan il-kliem li uża Aldo Lombardi, biex jiddesrkrivi l-ġurnata li fiha tilfet ħajjitha traġikament martu, Marie Claire, f’inċident bil-mutur li kienet qed issuq, fi Triq l-Imdina, fir-Rabat.
Viżibbilment emozzjonat, Lombardi rrakkonta ma’ ONE News l-għodwa traġika li fiha Marie Claire tilfet ħajjitha.
Huwa spjega li kollox beda wara li waqa’ kannestru mimli żebbuġ.
“Dak il-kannestru jesa’ madwar 24/26 kilo ta’ żebbuġ. Iż-żebbuġ kien misjur u kien lest biex jintagħsar. F’qasir żmien, bl-ammont ta’ karozzi li jgħaddu minn hemm, dan tgħaffeġ, u hi x’ħin kienet qed iddawwar il-mutur ħadha u infaqgħet fil-bankina.”
Aldo Lombardi appella għal iktar responsabbiltà mix-xufiera biex it-trakkijiet ma jitgħabbewx aktar milli jifilħu u biex dak li jkun qed jinġarr ikun mgħotti b’mod sigur.
Meta kellimna dwar ħajtu ma’ Marie Claire, Aldo qalilna li kellhom relazzjoni b’saħħitha ħafna.
Aldo u Marie Claire vvjaġġaw eluf ta’ kilometri barra minn Malta bil-mutur; passatemp għażiż għat-tnejn li huma.
“Tħobb il-muturi, kif għidtlek konna naqblu f’ħafna affarjiet. Nista’ ngħidlek ukoll li kemm ilha ssuq, qatt ma kellha inċidenti, u lanqas qatt ħabtet ma’ xi ħadd. Marie Claire kienet careful ħafna, barra minn hekk meta ġabet il-liċenzja, ġabet il-liċenzja l-full ta’ muturi li huma ħafna ikbar milli kellha, fejn għamilna żmien noħorġu flimkien bil-muturi bil-helmet biex nara li qed issuq kif għandha ssuq.”
Huwa appella biex dik il-persuna li bi traskuraġni wasslet għall-mewt ta’ martu, tersaq ’il quddiem.
“Dak il-persuna li kkawża dan l-inċident fatali, ma nistax nifhem kif qed torqod bil-lejl, ma nistax nifhem kif qed tpoġġi rasek fuq l-imħadda. Nitlob għalik, għax dawk huma l-valuri tiegħi, ħfirtlek minn qalbi, però ersaq ’il quddiem għaliex il-ġustizzja trid issir.”