Il-jum tal-Ħadd beda b’aħbar ħażina, hekk kif fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu l-Pulizija sabet żagħżugħ ta’ 22 sena mitluf minn sensih li wara ftit minuti tilef ħajtu. Huwa nstab quddiem post ta’ divertiment fl-Iklin.
Iż-żagħżugħ kien David Caruana li għal mewt tiegħu irreaġixxew il-ħbieb u l-kollegi tiegħu fuq il-profil ta’ facebook.
Spikkaw il-kummenti ta’ tifħir għal dan iż-żagħżugħ li ddeskrivewh bħala ħabib ta’ vera, ċajtier u li dejjem kont issibu f’mumenti diffiċli.
“Dan huwa wieħed mill-agħar għodwiet ta’ ħajti. Ma nistax nemmen u naċċetta l-fatt li qatt m’hu se nerġa’ nkellmek jew ngħanqek. Qatt m’hu se ninsa l-aħħar darba li tkellimna u s-sapport li tajtni fi żminijiet diffiċli. Jiena irrabjata għalik għax inti wegħdtni li qatt m’hu se titlaqni. Qatt m’hu se ninsik u dejjem se nżommok f’qalbi,” esprimiet Michaela.
Kumment ieħor kien ta’ Maria li qalet li issa l-ġenna se jkun hemm “anġlu u ħabib ta’ veru ieħor.”
Il-kollegi tiegħu esprimew li l-post tax-xogħol mingħajr iż-żagħżugħ mhux se jkun l-istess u li se jimmisjawh ħafna. Il-kummenti kollha juru sentiment ta’ xokk u ta’ dispjaċir kbir li d-dinja tilfet żagħżugħ ieħor.
Dwar dan il-każ, infetħet inkjesta maġisterjali li se titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Dr M. Vella LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.