Dalgħodu waqt l-intervista mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-mediċina meħtieġa għall-persuni bil-kundizzjoni tas-Cystic Fibrosis tiswa tliet miljun ewro fis-sena, jew tmintax-il elf ewro fix-xahar.
Qal li hu Gvern tar-ruħ soċjali, u ma jistax jagħlaq għajnejh għat-tbatija ta’ nies bħal Mandy Vella.
Tenna li l-Gvern għandu ruħ soċjali u li mhux se jħalli lil ħadd waħdu.
Lil hinn mill-politika partiġjana, il-Prim Ministru qal li seta’ jgħid li din nefqa kbira għal ftit nies u waqt pandemija iżda b’ton ta’ empatija man-nies qal li hu ma jistax imexxi pajjiż u ma jħossx għan-nies.
Hawnhekk saħaq li hu jifhem u jħoss it-tbatijiet tan-nies u għalhekk ħadem u se jkompli jaħdem biex jagħmel differenza pożittiva f’ħajjet dawn in-nies.
Mistoqsi kif il-Gvern qed isostni lill-anzjani, anke fi żminijiet ta’ pandemija, il-Prim Ministru qal kif dan il-Gvern qatt ma nesa lill-pensjonanti u semma ż-żieda fil-pensjoni li minnha gawdew tlieta u disgħin elf persuna.
Dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern qed jieħu l-pariri kollha xjentifiċi biex ikun hemm bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies.
Innota kif il-programm ta’ vaċċinazzjoni miexi kif pjanat, fejn fl-istess ħin hemm ħidma kontinwa sabiex Malta tixtri aktar dożi tal-vaċċin għall-Covid-19.
Hawnhekk tenna li kull vaċċin li qed jasal qed jinħareġ biex bih jitlaqqmu n-nies.
Dan kollu huwa xhieda ta’ ħidma bla waqfien mill-awtoritajiet Maltin.
Mistoqsi fuq meta se jonqsu xi restrizzjonijiet li ddaħħlu biex titrażżan l-imxija f’pajjiżna, il-Prim Ministru qal li għalissa l-importanza huwa li kulħad josservahom u meta jasal il-waqt se jiltaqa’ mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jiddikisutu u jiddeċiedi wara parir xjentifiku.
Tenna li l-miżuri li ddaħħlu la daħlu kmieni u lanqas tard u appella sabiex ħadd ma jippolitiċizza l-pandemija.
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li f’sitwazzjoni fejn il-Gvern kien qed jaħdem sabiex iwaqqaf il-wasliet ta’ dgħajjes f’pajjiżna, kellek l-Oppożizzjoni taħdem bil-kontra.
Huwa ddeskriva din il-kwistjoni tal-immigrazzjoni bħala sfida kontinwa, iżda li l-Gvern dejjem se jaħdem favur l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.