Charmaine Maria Bonello li hija omm ta’ żewġt itfal, faħħret u rringrazzjat lill-għalliema u LSEs għax-xogħol li qegħdin jagħmlu sabiex jgħinu lill-istudenti tagħhom ikomplu l-istudji tagħhom, waqt li l-iskejjel jinsabu magħluqin minħabba r-restrizzjonijiet kontra t-tixrid tal-Covid-19.
F’filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali Charmaine spjegat li waħda minn uliedha li għandha bżonnijiet speċjali għandha LSE li tinsab ħin kollu f’kuntatt magħha.
Hija qalet li l-ewwel jumejn li kienu diffiċli sakemm hi u wliedha draw is-sistema tal-iskola mid-dar, imma issa draw is-sistema. L-omm fissret kif kull filgħodu huma qed jagħmlu l-istess rutina li kienu jagħmlu meta kienu jmorru l-iskola.
Charmaine, li taħdem bħala parrukiera u għandha n-negozju tagħha, stqarret li hija qed tgawdi wkoll mill-iskema tal-ħlas tal-pagi, minħabba li ma tistax tmur għax-xogħol.
Hija appellat lill-ġenituri kollha biex ma jaqtgħux qalbhom u jagħmlu li jistgħu fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha.