Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech stqarr li ma jinkwetax meta jitla’ fil-Gvern wara l-Partit Laburista.
Huwa ddikkjara dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq in-Net minn preżentatur tal-istazzjon, l-Ħadd filgħodu, fejn kompla jattakka lill-Gvern u jkun nostalġiku dwar il-passat tal-Partit Nazzjonalista.
Waqt din l-intervista spikka l-isteriżmu ta’ Grech għall-poter.
Qal, “Meta jsaqsuni, imma ma tinkwetax illi jekk titla’ fil-Gvern mhux se jirnexxilek tmexxi minħabba li se ssib ħafna ħsara. Le ma ninkwetawx.”
Fl-istess intervista Bernard Grech għażel li jipprova jagħti l-mertu ta’ dak li qiegħed jagħmel il-Gvern Laburista llum għal meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern.
Stqarr, “Gvern Nazzjonalista li dejjem żergħa s-siġar, is-siġar tal-investiment u Gvern Laburista li dejjem qata’ dak illi nvestejna aħna imma ma jxettel xejn ġdid.”
Din ma kinitx l-uniku dikjarazzjoni nostalġika lejn il-passat tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif indirizza lill-Gvern u qallu hekk.
Sostna, “Issa m’għadkomx taqtgħu l-frott minn dak li aħna bnejna meta konna fil-Gvern.”
Fl-istess ġimgħa fejn ħareġ li r-rata ta’ inflazzjoni kompliet tonqos partikularment tnaqqis qawwi ta’ aktar minn perċentwal fejn jidħol l-ikel, fl-istess xahar li bdiet taħdem l-inizjattiva ta’ Stabbiltà, Bernard Grech infexx jattakk lill-Gvern.
L-istess għamel dwar il-pensjonijiet.
Qal, “Roadmap ta’ kif se jsaħħu l-pensjonijiet ma kellhomx.”
Dan qalu anki sena wara l-oħra li l-pensjonanti ħadu żieda u wara li għamlu mal-ħamsa u għoxrin sena bil-pensjoni ffriżata.
Intant fl-istess jum li l-midja rrappurtat ukoll kif bl-insistenza ta’ Malta inkisbu paragrafi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew favur in-newtralità u r-rispett tal-Kostituzzjoni tagħna, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jqarraq fuq il-Prim Ministru Robert Abela u dak li seħħ fi Brussell.
Dan kien innutat ukoll mill-Partit Laburista li stqarr kif Grech għawweġ il-fatti dwar il-konklużjonijet tal-Kunsill Ewropew waqt l-intervista fuq l-istazzjon Nazzjonalista.
“Li missu qal il-Kap tal-Oppożizzjoni hu li mar Brussell jindiegħes u jipprova jieħu r-ritratti ma’ min hu ffokat biex jippromwovi l-gwerrra u ma lissinx imqar kelma waħda fuq il-pożizzjoni ta’ Malta newtrali jew favur il-paċi”, kompla jgħid il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista żdied jinnota fi stqarrija li Bernard Grech għadu lanqas ukoll ma ħariġx kontra l-pożizzjoni tal-kandidati għall-MEP tal-Partit Nazzjonalista li lesti jibagħtu lil uliedna f’armata Ewropea.
“B’kuntrast il-Prim Ministru mar Brussell biex fil-Kunsill Ewropew innegozja favur pajjiżna u għamel dan b’suċċess”, temm jgħid il-Partit Laburista.