Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azzopardi ddikjara li mhux se jagħmel apoloġija lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Brigadier Jeffrey Curmi u lis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li fetaħ kwerela kontrihom u akkużahom bi qtil volontarju ta’ immigranti.
F’April illi għadda, Jason Azzopardi f’isem l-għaqda Repubblika, fetaħ kwerela fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Brigadier u l-membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52.
L-akkużi ta’ Jason Azzopardi jġorru piena massima ta’ għomor il-ħabs u riżultat ta’ dan għaddejja inkjesta.
Sigħat wara li ġie rappurtat li l-għaqda Repubblika stess preżentat evidenza li turi li dak li għamlu s-suldati ma kienx sabutaġġ ta’ dgħajsa tal-immgiranti iżda proċedura normali ta’ salvataġġ li ssir bejn sema’ u ilma, Jason Azzopardi rrinunzja ruħu mill-kwerela li fetaħ.
Madankollu meta mistoqsi dwar l-aġir tiegħu, Jason Azzopardi ddikjara, “Ma nagħmel apoloġija qatt u xejn”.
L-aġir ta’ Jason Azzopardi sab ukoll l-appoġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li ddefendih u saħansitra rrepeta l-akkużi.