“Illum 2 ta’ Marzu, jum għeluq snini, jum li bħal-lum sena ħallejtna, jum li niġi fid-dubju jekk għandix nifraħ għax kbirt sena oħra jew jekk għandix nħoss diqa li tlift l-iktar persuna li kienet hemm għalija tul ħajti.”
Dan kien kliem Matthew Pace, it-tifel ta’ Miriam Pace, l-omm li sena ilu mietet mirduma meta ġġarfet darha.
Matthew Pace qal li din is-sena kienet mimlija ostakli u diffikultaljiet li familtu bilfors kellha tgħaddi minnhom biex jerġgħu jiġu fuq saqajhom.
Huwa sostna li l-ħajja tinħass ferm itqal u iebsa mingħajr il-kliem ta’ appoġġ t’ommu, li mhux biss kienet tagħti lill-familtha, iżda wkoll lil nies ta’ madwarha.
Matthew Pace stqarr li ommu dejjem emmnet fis-sewwa, fil-ġustizzja u fil-proxxmu u dawk il-valuri ħa jibqa’ jħaddanhom tul ħajtu kollha.
Bħal-lum sena Miriam Pace, mara ta’ 54 sena tilfet ħajjitha wara li għall-ħabta tas-2:15 ta’ waranofisnhar, iġġarrfet id-dar tal-familja Pace, li tinsab fi Triq Joseph Abela Scolaro, fil-Ħamrun.
Id-dar tal-familja ġġarrfet kważi għalkollox. Dan hekk kif sit ta’ kostruzzjoni li jinsab viċin id-dar kien qed jiġi skavat minn ħaddiema ta’ kuntrattur.
Minnufih waslu fuq il-post bosta vetturi tat-tifi tan-nar u ambulanzi mill-Isptar Mater Dei. Il-ġirien għarrfuhom mill-ewwel li fid-dar kienet tgħix Miriam u li f’dak il-ħin setgħet kienet fid-dar.
Fuq il-post ma damux ma waslu wkoll żewġha u bintha li dehru mbikkma u fuq ix-xwiek jistennew b’aħbarha bit-tama li kienet għadha ħajja.
Iżda t-tama tagħhom li Miriam tinstab ħajja għebet għalkollox għall-ħabta tal-għaxra meta ġew mgħarrfa li nstabet mejta.
B’mod immedjat il-Prim Ministru Robert Abela kien talab biex issir inkjesta b’rabta ma’ dan il-każ traġiku.
Ftit jiem wara l-Awtorità tad-Djar ipprovdiet akkomodazzjoni alternattiva għall-familja Pace li mhux biss tilfu lill-għażiża tagħhom Miriam, iżda wkoll spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom.
B’rabta ma’ dan il-każ tressqu quddiem il-Qorti erba’ persuni: il-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena, is-Site Technical Officer il-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena, il-Kuntrattur tal-proġett Ludwig Dimech ta’ 36 sena u Nicholas Spiteri ta’ 42 sena.
Huma kienu wieġbu mhux ħatja għall-akkużi kontrihom.
Il-Gvern kien ħabbar ukoll riforma fil-qasam tal-kostruzzjoni li biha se jirdoppjaw l-ispetturi tal-bini u l-kostruzzjoni.