Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, wieġeb ma nafx meta llejla l-ġurnalisti staqsewh dwar l-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u nies qrib tiegħu, inkluż fil-Partit Nazzjonalista.
Illejla dawk li qed isejħu lilhom infushom bħala konsorzju ta’ ġurnalisti li qed jaħdmu dwar Forbidden Stories ħarġu l-ewwel storja spekulattiva. Dik dwar il-fatt li l-Ministru Chris Cardona seta’ deher fl-istess stabbiliment li xi darba kien mar fih ukoll wieħed mill-akkużati. Cardona irreaġixxa mill-bidu b’ċaħdiet sinjifikanti u kien imiss lil Delia jwieġeb la sejjaħ il-ġurnalisti.
Kien mistoqsi jekk xi ħadd mill-grupp parlamentari tiegħu qattx kellem lil xi wieħed mill-akkużati u jekk xi ħadd mill-grupp parlamentari tiegħu qattx iddefenda lil xi ħadd mill-akkużati.
Fuq kollox kien mistoqsi jekk jafx li xi ħadd mill-akkużati huwa wkoll qrib xi ħadd li huwa qrib tiegħu (ta’ Delia) u li saħansitra ċempillu wara li kien arrestat. Għal darb oħra Delia wieġeb ma’ jafx.
Fil-kumplament tal-konferenza tal-aħbarijiet Delia infexx jattakka lill-Kummissarju tal-Pulizija li taħt it-tmexxija tiegħu inqabdu t-tliet persuni akkużati bil-qtil.