F’pajjiżna ma nafux kemm hawn persuni intolleranti għal Lactose u lanqas teżisti xi forma ta’ stima. Nies intolleranti għal Lactose huma dawk li l-ħalib komuni u l-prodotti magħmulin minnu ma jaqblux magħhom. Hemm numru ta’ sintomi li jesperjenza, fosthom brim, gass, u wġigħ fin-naħa taż-żaqq, u saħansitra anke dijarea u f’istanzi oħrajn tqalligħ u remettar.
Il-Kap tad-Dipartiment tas-Saħħa, l-Edukazzjoni Fiżika u l-Istudji tal-Konsumatur fl-Università Malta, il-Professur Suzanne Piscopo kienet ikkwotata tgħid mill-KullĦadd li wara li vverifikat mal-awtoritajiet ikkonċernati dwar din il-kundizzjoni, ikkonfermat li ma teżisti l-ebda statistika lokali dwar il-prevalenza tal-intolleranza għal-lactose f’pajjiżna.
“Fuq livell globali jingħad li madwar 70% tal-popolazzjoni tista’ tkun intolleranti għal-lactose, imma dan ivarja minn dawk li jbatu ftit, jiġifieri li għandhom l-enzima lactase li tkisser iz-zokkor (il-lattożju) li jkun ġol-ħalib imma għandhom ftit anqas min-normal, u dawk li vera għandhom nuqqas kbir tal-enzima lactase jew vera ma taħdmilhomx sew, allura jkollhom intolleranza lejn il-lattożju aktar serja,” qalet Piscopo.
Madankollu, il-Professur Piscopo saħqet li ħadd m’għandu jieħu qatgħa jekk ikun intolleranti għal-lactose, għax bi ftit ippjanar xorta tista’ tiekol dietà varjata, b’togħma tajba u tajba għas-saħħa. Fl-aħħar ġimgħat anke l-kumpanija Benna nediet sensiela ta’ prodotti immirati għal dawn il-persuni.