Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li wara li Salvu Mallia, il-kandidat stilla tal-Kap tal-Oppożizzjoni, ma ddejjaq xejn jerġa’ jirrepti dak li qal fuq Hitler, anzi mar oltre’ u semma l-Mussolini u reġa’ rreaferma dak li qal dwar il-pesta wkoll, il-fatt li Busuttil qed jibqa’ b’ħalqu magħluq u m’għamel xejn qed jikkonferma dejjem aktar kemm huwa qed isir irrelevanti.
L-istqarrija tgħid li hija offiza mhux għall-Prim Ministru biss imma għal kull min għandu ftit sens ta’ storja. F’dan il-ġenoċidju nqatlu miljuni ta’ nies f’gas chambers minħabba mibgħeda razzjali. L-istess persuna li daħħal l-Ewropa kollha fi gwerra dinjija. L-istess bniedem li ttortura lil kull min ma qabilx miegħu nkluż lil niesu stess.
“Salvu Mallia huwa karikatura ta’ x’għandu jkun politika. Qed joffendi l-intelliġenza tan-nies u qed ixerred mibgħeda li ma teżistix,” qal il-PL.
Il-PL temm jgħid li wara li għajjar lill-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej għax ġie approvat il-proġett kollu tal-enerġija wara sentejn investigazzjoni, Simon Busuttil qed jibqa’ lura milli jikkundanna lill-kandidat tiegħu li qed joffendi mhux biss avversarji politiċi imma lil kull min għandu sens ta’ diċenza.