“Sa ġimgħa ilu, ma kontx naf x’se jiġri minn familti jekk inweġġa’ jew immut fuq il-post tax-xogħol. Issa rasi mistrieħa.” Din kienet ir-reazzjoni ta’ Jonathan Callus f’isem il-membri tal-Protezzjoni Ċivili, għall-aħbar li membri tal-Korpi Dixxiplinati li jweġġgħu b’mod gravi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, se jibdew jirċievu l-pensjoni tas-servizz kollha.
Callus saħaq li dan ma jfissirx li se jissugraw iżjed ħajjithom, għaliex il-proċeduri jibqgħu proċeduri. Iżda tal-anqas, dan se jfisser li l-livell t’għixien tal-qraba tagħhom se jkun salvagwardjat.
Huwa spjega kif meta membru minn tagħhom iweġġa’ fuq il-post tax-xogħol, is-saħħa tiegħu – kemm fiżika u kif ukoll mentali, ma tibqax l-istess. Għaldaqstant, li membru tal-Protezzjoni Ċivili se jsib is-sapport finanzjarju meħtieġ, se jkun motivat biex jagħmel xogħlu aħjar.