Kitbet artiklu dwar il-Coronavirus f’ġurnal lokali u ftit jiem wara ġiet avviċinata biex tkun parti minn tim minn madwar id-dinja li se jikteb ktieb dwar il-pandemija tal-Coronavirus.
Din hi l-esperjenza ta’ Rebecca Caruana, studenta Maltija tal-mediċina ta’ 23 sena li hi waħda fost l-erba’ awturi minn madwar id-dinja ta’ dan il-ktieb diġitali mimli tagħrif, fatti u kurżitajiet mill-aspett mediku dwar dan il-virus li waqqaf ħesrem lid-dinja kollha.
L-esperjenza laqqgħeta ma’ tabib mill-Università ta’ Columbia fi New York kif ukoll professjonisti fir-Renju Unit u l-Awstralja.
“Sibt message fuq Instagram u qalli nixtieq nagħmel interview għax rajt l-artiklu tiegħek u vera għoġobni. Tinteressak? Fil-bidu ħsibt li mhux vera mbagħad għamilt l-interview u fforma t-team,” stqarret Rebbeca.
Bl-isem ta’ Covid-19: The Reason Why The Earth Stood Still, il-ktieb ta’ 95 paġna jitratta kif il-virus daħal fil-bniedem.
Mill-konversazzjonijiet ma’ tobba barranin Rebecca setgħet tifhem kif il-virus affettwa b’mod differenti kull pajjiż individwalment.
“L-iktar ħaġa li togħġobni hi li fil-bidu kont ngħidilhom li jien minn Malta u kienu jgħiduli ma nafx fejna Malta imbgħad issa jgħidu intom Malta li vera sejrin tajjeb bil-Covid u hekk. Ħaġa sabiħa hux vera,” spjegat Rebecca.
Rebecca kompliet tgħid li l-ktieb jitratta mhux biss l-effetti fiżiċi tal-virus iżda anke dawk psikoloġiċi.
“Jittratta dwar Covid kif jaffettwa l-ġisem imma mhux biss fiżikament imma kif ukoll mentalment. Fil-fatt għandna l-aħħar chapter ħa jkun miktub minn psychologist minn New Zealand u ħa tikeb eżatt kif qed taffettwa u tgħinek inti bħala persuna biex noħorġu lura għan-normalità.”
Rebecca tittama li mhux biss tiggradwa bħala tabiba fis-snin li ġejjin, imma tkompli tagħti kontribut f’iżjed pubblikazzjonijiet.
“Issa għandna ħafna iżjed proġetti ġejjin fil-fatt għadna kif iffirmajna kuntratt dwar proġett li issa nixtieq iniżżlu Malta,” saħqet Rebecca.
Il-ktieb se jinħareġ f’forma diġitali fis-16 ta’ Ġunju u se jkun tradott f’erba’ lingwi.