Komplew joħorġu dettalji dwar x’seħħ dakinhar tal-erbgħa u għoxrin ta’ Ottubru fir-residenza ta’ Yana Mintoff Bland f’Ħal Tarxien.
Fil-Qorti xehed Daniel Mainwaring, iben Yana Mintoff Bland, dwar dan l-inċident li fih kemm hu kif ukoll ommu ingħataw daqqiet ta’ sikkina.
F’dan il-każ, l-eks sieħeb ta’ Mintoff Bland, Gheorghe Popa, li nstab mill-pulizija mistoħbi f’siġra qed ikun akkużat fost l-oħrajn li ta daqqiet ta’ sikkina lil Mintoff Bland u lil binha.
Iben Mintoff Bland xehed li huwa sema’ lil ommu u Popa jargumentaw u mar biex jagħti l-għajnuna lil ommu.
Żied jgħid li sab lil ommu mal-art, b’Popa jistaqsiha ‘Who is he?’/ Min hu?, u Mintoff Bland tgħidlu ‘There is no he’ / M’hemm ħadd.
Mainwaring żied jgħid li ra sikkina f’idejn l-akkużat, u kien hawn li l-akkużat għamel għalih u tah bl-istess arma, fejn laqtu f’siequ.
Xehdet ukoll it-tfajla ta’ iben Mintoff Bland li qalet li l-ġimgħa ta’ qabel, il-koppja wkoll kellhom argument vjolenti.
Id-diversi xhieda kkonfermaw li Mintoff Bland u binha ħarġu mid-dar u ttieħdu l-poliklinika minn ħabib ta’ Mainwaring li kien fl-istess residenza.
Fl-istess seduta xehed ukoll espert tal-Qorti li qal li sussegwentament in-nirien fid-dar bdew deliberatament.
L-espert tal-IT li kien appuntat biex janalizza kameras tac-CCTV qal lill-qorti li ma kien hemm l-ebda filmati rrekordjati.
Il-każ se jkompli jinstema f’Marzu.