“Ma kienx marid, kien għajjien.” Dan intqal minn Fr Charles Tabone dwar il-pressjoni kbira li kienet saret minn ħdan il-Knisja stess u anke minn barra u li wasslet għar-riżenja tal-Arċisqof Emeritu Monsinjur Pawlu Cremona lura fl-2014.
Fuq ix-xandir nazzjonali, Fr Charles Tabone rrakkonta kif, fix-xhur ta’ qabel irriżenja minn Arċisqof, dwar dawn l-avvenimenti li kienu l-aktar ħaġa li weġġgħet lill-Monsinjur Cremona.
Tali pressjoni, li kienet saret anke minn Fr Joe Borg fost oħrajn, kellha l-għan li tpinġi lil Cremona bħala mhux denju biex ikun Arċisqof u allura kellu jirriżenja.
Ma’ TVM, Fr Tabone rrakkonta x’ġara meta kien mar ħdejh.
“Darba nsibu bil-gazzetta f’idu, jibki u jien nibki miegħu. Qalli ‘ara x’għamluli Chal, jien qatt ma weġġajt lil ħadd’ u veru, veru, kellu mħabba kbira lejn il-qassisin, imma enormi.”
Fr Charles Tabone
Fr Tabone kompla jispjega kif Monsinjur Cremona ma żamm xejn f’qalbu, minkejja l-uġigħ li għadda minnu.
“Imma mbagħad hemm tidher il-qdusija tiegħu, meta għamel dak l-indirizz tar-riżenja, qal, uża l-kelma Taljana u hu għamilha bil-Malti. Qal jien m’għandi l-ebda rankur għal ħadd. Rankur ħadha mill-kelma ‘rancore’ mit-Taljan, li tfisser ‘resentment’ u kieku wieħed bil-Malti jista’ jagħmilha: jien m’għandi f’qalbi għal ħadd, mhu se nżomm f’qalbi għal ħadd u veru hekk għamel.”
Fr Charles Tabone
F’riċerka li għamel ONE News, jirriżulta li tali pressjoni fuq Monsinjur Pawlu Cremona fil-Kurja u barra, ġiet primarjament minn Fr Joe Borg.
F’kitba fuq it-Times dak iż-żmien, il-qassis-politikant Joe Borg, li tqabbad anke jmexxi l-midja uffiċjali tal-Knisja, kien qal li t-tmexxija taħt Pawlu Cremona kienet fi kriżi.
Kien saħansitra ddeskriva s-sitwazzjoni tal-Knisja Maltija agħar minn dik tal-Partit Nazzjonalista fis-sebgħinijiet.
Intqal li dawn id-dubji dwar it-tmexxija ta’ Cremona jmorru lura għall-2012, bl-argument ikun minħabba li għejja.
