Raġel ta’ veru, ħabib sinċier u persuna li kien lest jagħmel kollox biex jagħti l-ewwel għajnuna. Dawn kienu ftit mix-xita ta’ kummenti li ħallew diversi persuni hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Zammit, li hu wkoll missier ta’ żewġt itfal.
Fost dawk li sellmu l-memorja tal-pumpier kien hemm it-Tabib tal-Emerġenza, Michael Spiteri li, f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali qal li kemm-il darba ħadem ma’ Zammit u f’mumenti diffiċli ħafna, dan kellu l-ħila li jtaffi t-tensjoni tal-mument b’ċajta żgħira.
Hu temm jgħid li diversi persuni ġew salvati u għadhom ħajjin, grazzi għall-ħidma f’waqtha ta’ Zammit.
L-2023 kienet it-tletin sena ta’ Zammit bħala uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili.
Fost l-oħrajn, Zammit kien wieħed mid-diversi ħaddiema li fl-għaxra ta’ Novembru tal-elfejn wieħed u għoxrin, tella’ mill-baħar tfajjel t’14-il sena li spiċċa f’diffikultà f’baħar jibla’ l-art f’Tas-Sliema.
Ftit wara dak l-episodju, li seta’ kellu riperkussjonijiet kbar, Joseph Zammit ġie intervistat fil-programm, ONE Breakfast, fejn anke ddeskriva l-ħidma delikata tiegħu u ta’ sħabu fil-Protezzjoni Ċivili.
Qal, “Huwa importanti li fejn jidħlu struzzjonijiet, ma tistax tilgħabha tal-hero. Il-baħar, bħalma jgħid il-Malti, żaqqu ratba u rasu iebsa, u jkollna ħafna problemi fil-baħar, forsi n-nies ma jkunux jafu, imma jkun hawn ħafna problemi.”
Dwar dan tkellimna ma’ Johan Briffa, li sa minn tfulitu kien ħabib ta’ Zammit u li ftit kellu kliem biex jesprimi din l-aħbar.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Briffa qal li m’għandu xejn ħlief kliem ta’ foħrija għal Joseph fejn anke semma li kien lest jissogra ħajtu biex jagħti l-għajnuna.
Qal, “Joseph kien wieħed li mhux se joqgħod lura u lest li jissogra ħajtu biex jagħti l-għajnuna. Dan rajnih ftit ta’ żmien ilu meta kien hemm l-inċident f’Tas-Sliema fejn fil-fatt qabeż fil-baħar jibla’ l-art. Kulħadd jaf x’kien isarraf, kien eroj.”
Zammit kienu ukoll involut fil-Parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, fejn kellu wkoll passjoni għan-nar tal-art.
Johan Briffa qal li hu se jibqa’ jgħożż il-memorji sbieħ kollha li għandu ma’ Zammit għal ħajtu kollha.
Qal, “Ftit ta’ żmien ilu tela’ ħdejna tan-nar, għax kelli bżonn l-għajnuna tiegħu ħalli naħraq il-murtali tan-nar. Fil-fatt hu kien hemmhekk biex jara li ma jaqbad imkien. Apparti minn hekk ġie jgħinni biex narma l-bradella l-ġdida. Hemm ħafna memorji sbieħ li mhux se ninsihom żgur żgur.”
Il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja ta’ Zammit fejn f’post fuq Facebook qal li jinsab maħsud bl-aħbar li ħaddiem tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili miet waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Min-naħa tiegħu, Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, f’isem il-Gvern, ta l-kelma lid-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili li se jkun ta’ spalla f’dak kollu li teħtieġ il-familja u kollegi tiegħu f’dan il-mument iebes.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ddeskriva lil Zammit bħala uffiċjal eżemplari li ta servizz għal snin twal. F’dan il-mument diffiċli, id-Dipartiment qal ukoll li se jagħmel minn kollox biex ikun viċin il-familja tiegħu.
ONE News infurmat li Zammit se jingħata tislima speċjali fil-funeral tiegħu, li aktarx isir aktar tard din il-ġimgħa, fejn jintużaw anke vetturi tal-Protezzjoni Ċivili. Dan il-ġest b’rispett lejn il-karriera twila ta’ Zammit, mistenni jkun l-ewwel funeral ta’ dan it-tip li qatt sar f’pajjiżna.