L-istilla tal-Formula Wieħed Lewis Hamilton stqarr f’kummenti mal-midja li mhux iħossu komdu jikkompeti fl-Arabja Sawdija fi tmien din il-ġimgħa.
Hu esprima tħassib dwar id-drittijiet umani fil-pajjiż fosthom ta’ persuni li jaqgħu taħt il-kappa LGBTIQ+.
Hamilton, li rebaħ l-ogħla titlu fil-kampjonat għal seba’ darbiet, mistenni jikkompeti f’Jeddah.
Hu qal li kien milqugħ tajjeb fil-pajjiż imma ħass id-dmir li jitkellem aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra li bħalissa, organizzazzjonijiet tad-drittijiet umani qed jippuntaw subgħajhom lejn l-Arabja Sawdija u jakkużawha li qed tuża avvenimenti kbar biex taljena lid-dinja mill-abbużi.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, Hamilton qal li l-preżenza tiegħu fl-Arabja Sawdija ma kienitx għażla tiegħu imma kien l-isport li ħadu hemm.