L-effett tal-birra għadda, iżda l-kontroversja San Patrizju f’San Ġiljan mhi taqta’ xejn. Wara li fi tmiem il-ġimgħa s-Sindku u l-Viċi Sindku tal-lokalità provaw jitfgħu fuq tal-ħwienet id-diżastru u l-ħmieġ li kien hemm is-Sibt filgħodu, dawn wieġbu permezz tal-avukat.
Sostnew li kienet l-inkompetenza tal-Kunsill Lokali u min jamministrah li wassal biex is-Sibt filgħodu ż-żona tal-Bajja ta’ Spinola, San Ġiljan sebħet inkallata. Fi kliemhom dan sar għax it-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ried jaqdi individwu partikolari.
L-operaturi ta’ Ryan’s Pub, Tigulio Complex u Saddles Bar qalu l-iskart li rrefera għalih il-Viċi-Sindku ta’ San Ġiljan hu ta’ dawk li taw il-permess l-istess Kunsill Lokali kmieni l-Ġimgħa filgħodu. Dan l-għada li l-Qorti waqqfet pjan ikbar tal-Kunsill imexxi mis-Sindku Guido Dalli li kien se jpaxxi kumpanija li ġieli għamlet xogħol għall-Partit Nazzjonalsita. F’sentenza iebsa l-Qorti qalet li m’hemmx trasparenza u saħansitra bagħtet il-każ għand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Permezz tal-avukat, Luciano Busuttil, is-sidien tal-ħwienet qalu li se jżommu lill-kunsill responsabbli għad-danni li sofrew permezz ta’ permessi abbużivi li ħareġ l-istess kunsill.
Philip Fenech, mill-GRTU, ukoll kellu kliem iebes għas-Sindku ta’ San Ġiljan. “Aħna ma kellniex bżonn lis-Sindku jgħidilna biex inaddfu. Qabel ma daħħal dan il-persuna li kien se jorganizza dan il-one off konna diġa’ qegħdin niġbru l-flus. Kien meta s-Sindku qal li qed jaċċetta dan l-event biex ikollu l-flus biex inaddaf li nqala’ dak li nqala’ u morna l-Qorti,” qal Philip Fenech fuq ONE NEWS BREAKFAST.