Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista reġà nqabad f’attentat iddisprat ta’ ħabi. Din id-darba ħabi ta’ flus bi ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Hawn qed nitkellmu dwar qerq sfaċċat ta’ partit li f’25 sena ma daħħalx din il-liġi, u li dejjem ħeba l-kontijiet tiegħu.
Mistoqsi dwar dan, dalgħodu ħarab milli jwieġeb.
Bil-liġi tal-finanzjament tal-partiti, kull partit reġistrat irid jgħaddi l-kontijiet tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali, wara proċess ta’ verifika indipendenti, sa erba’ xhur wara li tagħlaq is-sena finanzjarja. Għall-Partit Nazzjonalista, l-appuntament kien għall-aħħar t’April. Iżda l-kontijiet baqgħu mistura.
Din kienet l-ewwel okkażjoni biex jinkixef l-istat finanzjarju tal-Partit Nazzjonalista. Kien se joħroġ fil-beraħ id-dejn li ħakem id-Dar Ċentrali wara 25 sena fil-Gvern. Kienu se jitwieġbu l-mistoqsijiet ta’ kif il-Partit Nazzjonalista spiċċa fallut eżatt kif tilef ir-riedni tal-Gvern. Konna se nkunu nafu s-self li bih mgħobbija l-istamperija, inkluż l-iskema ċedoli li minnha nfisha toħnoq it-trasparenza u tmur kontra l-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Konna niskopru wkoll minn fejn ġejjin id-donazzjonijiet u kif qed jitħallsu l-pagi.