Louis Farrugia, iċ-ċermen ta’ Farsons Group u direttur ta’ Times of Malta, evita li jwieġeb domandi diretti dwar dubji fuq il-kont tiegħu fil-Panama u żviluppi b’rabta mal-istess kont.
Dan wara li f’referenza moħbija f’paġna erbgħa tat-Times of Malta tat-Tlieta, Farrugia ddikjara li fl-2005 gawda minn amnestija maħsuba għal dawk li kellhom assi mhux iddikjarati barra minn pajjiżna.
one.com.mt staqsa jekk din l-amnestija kinetx marbuta mal-kont li kellu l-Panama u li jissemma f’Panama Papers.
Tlabnih ukoll jispjega kif, jekk meta ħarġu l-Panama Papers qal li dan il-kont kien marbut esklussivament ma’ proprjetà f’Londra, seta’ gawda minn din l-amnestija.
Fit-tweġiba tiegħu Farrugia kien ġenerali ħafna u ma spjegax x’kienu l-assi li rripatrija, jekk ma kellux flus fil-Panama, iżda kellu biss propjetà, kif iddikjara s’issa.
“Bħala ċittadin imxejt skont il-liġi fil-każ li qed tirreferi għalih u għalhekk il-pożizzjoni tiegħi mal-awtoritajiet hi għal kollox regolari,” wieġeb Farrugia.
Spjegajnilu li din ir-risposta ma kinetx twieġeb għad-domandi diretti tagħna, li kienu jinkludu wkoll kemm kien l-ammont li fuqu gawda mill-amnestija.
Għal darb oħra l-uniku tweġiba tiegħu kienet: “Intenni li mxejt skont il-ligi u speċifikament skont l-Investment Registration Scheme Regulation 2003 maħruġa mil-Bank Ċentrali skond Legal Notice LN209/03.”
Louis Farrugia kien wieħed mill-iktar persuni prominenti f’pajjiżna li ssemmew f’Panama Papers meta dettalji dwarhom ħarġu fid-disgħa ta’ Mejju. Pero sal-lum ma kienu ppubblikati ebda dettalji dwar dan il-kont mit-Times of Malta u The Malta Independent. Dawn ingħataw aċċess għad-dokumenti mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi, li kienu huma li żvelaw il-karti tal-Panama.
Intant, Times of Malta, fi stqarrija li ppubblikat fuq il-gazzetta stess qalet li emmnet il-verżjoni ta’ Louis Farrugia u saħansitra tatu “vot ta’ fiduċja” f’laqgħa tal-bord tad-diretturi.