Il-Ministru responsabbli mix-xogħol, Byron Camilleri, qal li l-Partit Nazzjonalista lanqas staħa jattakka l-ħatra ta’ Leonid McKay fuq il-bord tal-aġenzija JobsPlus sempliċiment għax għandu twemmin Laburista, avolja għandu l-kapaċitajiet u l-esperjenza neċessarja.
Permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, il-Ministru kien qed jirreaġixxi għal attakk tal-Partit Nazzjonalista bi stqarrija u qal li l-pożizzjoni ta’ McKay fuq il-bord, li jinkludi diversi persuni inkluż minn korpi kostitwiti, m’għandhiex x’taqsam mat-tmexxija ta’ kuljum tal-entità.
Hu qal li l-esperjenza ta’ McKay fit-tmexxija pubblika u fis-soċjal huma mitqlu deheb għal dan il-bord, madankollu għall-Partit Nazzjonalista dik l-esperjenza għandha tintrema fiż-żibel, sempliċiment għax hu Laburist.
Camilleri staqsa lill-PN b’ironija jekk għandux jissuġġerixxi lil xi ħadd minnhom wara li mlew lil Malta bil-qgħad u wara li rredikolaw miżuri importanti ta’ Jobsplus, bħalma hi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u sejħulha “Garanzija tal-Washing Machine”.
Hu temm jgħid li f’Jobsplus u fis-suq tax-xogħol il-Gvern se jkompli jibni fuq is-suċċessi li diġà nkisbu, b’referenza għall-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u l-akbar għadd ta’ persuni f’impjieg.