“Nikkonferma li nfurmajt lil Onor Prim Ministru li ma nixtieqx niġi kkunsidrat iżjed għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali”
Dan intqal fi stqarrija mibgħuta ftit tal-ħin ilu b’email minn Alfred Mifsud, Deputat Gvernatur.
Jiem ilu ċaħad b’mod kategoriku l-akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus li saru dwaru fuq blog ta’ “ġurnalista popolari”. Kienet Daphne Caruana Galizia li kitbet b’mod voċiferu dwar Mifsud.
Huwa qal li spjegalha li s-sorsi tagħha ma kienux affidabbli u kienu motivati minn mibgħeda u kilba għall-vendetta minn relazzjoni personali li falliet. Mifsud fetaħ libell fil-qorti nhar it-Tlieta 14 ta’ Ġunju.
“Dawn l-azzjonijiet legali se jieħdu ż-żmien tagħhhom u jien seren li l-ġustizzja se tirbaħ u nkun illiberat minn kull akkuża,” qal Mifsud li minn naħa tiegħu saħaq fuq l-intenzjonijiet ħżiena tal-eks sieħba tiegħu Anna Zelbst.