F’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sensiela ta’ miżuri kontra t-tixrid tal-coronavirus li ġew deċiżi f’laqgħa tal-Kabinett.
Dr Abela ħabbar miżuri ċari dwar attivitajiet tal-massa li se jibqgħ fis-seħħ b’mod indefinit.
Il-Prim Ministru ħabbar: “Events tal-massa fil-beraħ ma jridx ikun hemm aktar minn 2,000 persuna, inkella ma jsirux. L-events tal-massa li jkunu qegħdin isiru fil-magħluq se jkunu limitati għal massimu ta’ seba’ mija u ħamsin persuna, sakemm ma jingħatax avviż mod ieħor.”
Mistoqsi dwar il-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat, dik ta’ San Patrizju u anki l-logħob tal-kampjonat tal-futbol Malti, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jimxi mal-pariri mediċi tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Fl-isfond ta’ dan, huwa qal li s-sitwazzjoni tista’ tinbidel minn ħin għall-ieħor.
Mistoqsi dwar l-iskejjel, il-Prim Ministru kien ċar. Il-Prim Ministu Robert Abela wieġeb: “Sa dan il-mument, il-Professur Charmaine Gauci u jiena noqgħod fuq il-parir espert u professjonali tagħha, bl-ebda mod ma tat xi indikazzjoni li għandha tingħata direttiva li jingħalqu l-iskejjel. Jekk ikun hemm bżonn dik il-miżura tingħata, il-pariri kollha li għandna sal-lum huwa li ma jkunx tajjeb li nieħdu dik id-direzzjoni, li mmorru f’dik id-direzzjoni u għalhekk m’hemm ebda lok ta’ allarm u paniku fost il-ġenituri tagħna.”
Dr Abela ħabbar ukoll li l-Maltin li se jinġiebu mill-Italja iridu jagħmlu kwarantina ta’ 14-il jum. Dawn se jinġabu bl-ajru u bil-baħar.
Qal li kull vettura li ġġib il-merkanzija mill-Italja, se tkun operata b’massimu ta’ żewġ xufiera għal kull traġitt.
Qal li hawnhekk ukoll se jsiru testijiet fuq ix-xufiera.
Huwa ngħaqad mal-appell tal-awtoritajiet tas-saħħa biex ma jsirx vjaġġar mhux meħtieġ barra minn Malta lejn postijiet milquta mill-Coronavirus.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li twaqqaf kumitat biex jilqa’ għall-impatt ekonomiku. Dr Abela kompla jispjega: “Ħtarna kumitat magħmul mill-Ministri u tekniċi oħra li huma konċernati madwar l-ekonomija ta’ pajjiżna, turiżmu ta’ pajjiżna wkoll, sabiex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jilqgħu għal dan l-impatt. Hemmhekk ukoll nagħti s-serħan il-moħħ, is-serħan il-moħħ li għandna ekonomija b’saħħitha, ekonomija li hija waħda reżiljenti, finanzi tal-pajjiż li huma sodi li jifilħu kompletament għal dan l-impatt.”
Filwaqt li appella għall-kalma, il-Prim Ministru mhux biss rrimarka li pajjiżna huwa mħejji u għandu s-sitwazzjoni taħt kontroll iżda tenna li m’hemmx lok għall-allarm.
“Kuraġġ li bih se negħlbu din l-isfida li għandha d-dinja quddiemha. Il-kuraġġ, is-serħan il-moħħ, il-kalma u t-trankwilità. Għada jerġa’ jisbaħ jum ta’ xogħol normali u jum ta’ skola normali”, temm jgħid il-Prim Ministru.