Bejn il-15 ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Settembru, ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u t-tħaffir f’żoni turistiċi se jkunu pprojbiti.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li fiha ntqal li din l-inizjattiva tqis l-inkonvenjent li s-siti ta’ kostruzzjoni għandhom fuq ir-residenzi u l-lukandi tal-madwar.
Dan l-infurzar huwa mod wieħed kif jittaffa l-inkonvenjent li s-siti tal-kostruzzjoni għandhom kemm fuq l-industrija tat-turiżmu kif ukoll fuq in-numru ta’ familji li jmorru fir-residenzi tas-sajf tagħhom.
F’din l-istqarrija ntqal li, sabiex kull żvilupp isir bl-inqas inkonvenjent possibbli, kemm għar-residenti kif ukoll għall-ambjent tal-madwar, l-iżviluppaturi qed ikunu mħeġġa sabiex jippjanaw bil-quddiem.
Intqal li wieħed jista’ jirrapporta xogħol ta’ twaqqigħ u tħaffir illegali f’dan il-perjodu lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fuq in-numri 80049000, 20955000 jew 20955555.
Wieħed jista’ jara liema huma l-postijiet fejn ma jistax isir twaqqigħ u tħaffir hawnhekk: https://www.mta.com.mt/en/summerbreaktime2023.