Jiżbalja min jaħseb li ċerti affarijiet ma nerġgħu narawhom qatt iżjed. Min jaf kemm hawn min jaħseb li l-affarijiet redikoli b’riżultat tal-piki fil-festa, huma xi haġa tal-imgħoddi. Imma mhux hekk hu.
Propju din f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan, spikkaw banners li ttellgħu minn xi partitarji tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta,u partitarji tal-festa ta’ San Girgor f’Tas-Sliema. Wieħed minn dawn il-banners kien jghid: ‘Il-vara tagħna hija l-isbaħ waħda, waqt li tagħkom hija l-ikreh waħda fid-dinja’.
Jista’ jkun li l-kliem m’huwiex eżatt, imma ma nistax nifhem kif f’dawn iż-żminijiet għad hawn min jasal biex joqgħod jitgħajjar bil-‘kruha’ ta’ xi statwa. Għamlu tajjeb iċ-ċaħdiet uffiċjali, imma jkun aħjar jekk nedukaw lill-partitarji.
Aħbar agħar. L-għaqda li ssejjah lilha nnifsha Soċjetà Maltija se tagħmel dimostrazzjoni fil-Belt bħala reazzjoni għall-Gay Pride u matulha se jingħad ir-ruzarju. Irriklamat din l-attivita’ bħala ‘rosary rally ta’ riparazzjoni lil Alla għall-Malta Gay Parade 2018 u l-aġenda tal-LGBT’.
Aħbar li fakkritni fir-rallies li kienu jsiru fis-snin sittin li kienu jsiru bħala riparazzjoni lil Alla f’kull lokal fejn il-Partit Laburista, li allura kien ikkundannat mill-Knisja, kien jagħmel mass meeting. Niftakar f’wieħed partikolari, f’belt twelidi, Haż-Żabbar, meta kienu saħansitra ħarġu l-vara tal-Madonna tal-Grazzja.
Jien kont naħseb li dawn l-affarijiet qatt mhu se narahom iżjed. Imma nħoss li l-Knisja għandha r-responsabbilta’ li mhux biss iżżomm ‘il bogħod minn dawn l-attivitajiet, imma għandha tagħmel minn kollox u tinsisti mal-organizzaturi biex dawn l-istess attivitajiet ma jsirux.
Żgur li dawn l-attivitajiet ma jirriflettux it-tagħlim tal-Knisja Kattolika tal-lum, bit-tmexxija tal-Papa Franġisku.