Il-laptop tal-eks Kappillan ta’ Marsaxlokk, Luke Seguna, li qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi, ma nstabx fil-kamra fejn fiha jinżammu l-esebiti fil-Qrati.
Espert tal-Qorti, tkellem fil-Qorti dwar kif huwa kien imqabbad mill-Qrati sabiex jeżamina l-kontenut tal-laptop, iżda dan ma nstabx.
Intqal li dan il-laptop kien esebit fil-Qorti mill-Prosekuzzjoni, minn Ġunju tal-2023.
Il-Maġistrat li kienet qed tippresedi, ordnat lill-uffiċjali tal-kamra tal-esebiti, sabiex jixhdu fis-seduta, flimkien mal-uffiċjal tal-Pulizija li esebixxa dan il-laptop.
Seguna, qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi, misapproprijazzoni u ħasil ta’ flus, bil-Prosekuturi jgħidu li huwa ġabar madwar €500,000 mingħand 150 parruċċjan fuq perjodu ta’ 10 snin.
Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Minkejja li xehdu diversi parruċċjani dwar ix-xogħol siewi li kien iwettaq, fil-Qorti kien intqal kif huwa kellu eluf ta’ ewro f’kontijiet tal-bank differenti, ħames muturi u żewġ karozzi, minkejja d-dħul relattivament baxx tiegħu.