Il-Qorti tal-Appell biddlet deċiżjoni li kienet sabet ħati lil Carmel Spiteri minn San Ġiljan bi traffikar ta’ droga wara battalja twila 16-il sena li nvolviet tlett appelli, wara li impjegat ammetta li d-droga kienet tiegħu.
Lura fl-2002, il-pulizija kienet sabet 35g trab abajd, li wara rriżulta li kienet kokaina bi tletin fil-mija purità, fil-vann tiegħu.
Spiteri ma setax jispjega l-preżenza tad-droga u nsista li hu ma kienx traffikant tad-droga. Fil-Qorti kien qal li għalkemm il-vann kien irreġistrat f’isem missieru, kien jintuża minn diversi ħaddiema.
Minkejja li dejjem ċaħad l-akkużi, huwa nstab ħati fl-2009 u ngħata sentejn ħabs u multa ta’ €880.
Wara li saru tliet appelli, bl-unika bidla tkun li s-sentenza tnaqqset għal 15-il xahar ħabs u multa ta’ €550, il-Qorti lliberatu mill-akkużi kollha.
Irriżulta li fl-2017 fil-Qorti, xhud maskili kien ammetta li d-droga li kienet instabet 15-il sena qabel kienet tiegħu. Sostna li dak iż-żmien kien jagħmel użu mid-droga, u filwaqt li huwa kien miżżewweġ u kellu t-tfal, stqarr li ma kienx ġust li ħajtu kienet tajba u Spiteri kien għaddej mill-infern.
Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qalet li fid-dawl ta’ dan, ma kien hemm l-ebda evidenza li torbot lill-akkużat mal-akkużi, apparti l-fatt li d-droga nstabet fil-vann tiegħu.
Madanakollu, il-Qorti ma setgħetx tibqa passiva quddiem l-ammissjoni ċara ta’ xhud.