Tliet persuni ma nstabux ħatja li ġiegħlu kelb isofri minn uġigħ, tbatija, u dwejjaq meta ma ħadux ħsiebu sew u abbandunawh.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, instema’ li d-Dipartiment tal-Animal Welfare irċieva telefonata li permezz tagħha ġew infurmati li f’Birkirkara kien hemm il-klieb fit-toroq.
Kelb minnhom instab li kien ta’ tfajla ta’ 26 sena. Tal-Animal Welfare kellmuha u hi qalet li l-eks għarus tagħha kien sejjer biex jiġbru.
Missier l-għarus tat-tfajla qal lill-Animal Welfare li ma riedx annimali fid-dar tiegħu u li lit-tfajla mhix l-ewwel darba li qalilha li ma jridx klieb fid-dar tiegħu.
Il-Qorti qalet li ma setgħetx tifhem x’kienet ir-raġuni li ħarġu akkużi kontra t-tfajla ta’ 26 sena u l-eks għarus tagħha. Qalet li tal-Animal Welfare ċemplu lit-tfajla u din qaltilhom li kien l-eks għarus tagħha li kien sejjer għal kelb.
Għalhekk minħabba l-fatt li ma kien hemm l-ebda provi kontra ż-żewġ żgħażagħ, il-Qorti ma sabithomx ħatja. Missier il-ġuvni wkoll ġie illiberat.