Żagħżugħ ta’ 28 sena ma nstabx ħati li seraq brazzuletta minn ħanut f’Raħal Ġdid.
Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, l-impjegat tal-ħanut xehed li żagħżugħ u s-sieħba tiegħu daħlu fil-ħanut u t-tfajla staqsiet biex tara brazzuletta ta’ valur ta’ €300 sabiex tagħtiha rigal lil oħtha.
L-impjegat xehed li xħin dawwar wiċċu biex jaħdem il-prezz ta’ waħda mill-brazzuletti sab waħda nieqsa.
Huwa kompla jixhed li xħin affaċċja liż-żgħażagħ, hija mxiet lura u għolliet idejha, fejn mill-komma ra l-brazzuletta bit-tiketta ħierġa.
Il-Qorti qalet li ma tressqet ebda prova li l-imputat kellu sehem fis-serqa.