Aaron Cassar ta’ 39 sena minn Birżebbuġia ma nstabx ħati li kiser l-għaksa ta’ Deniro Magri fi ġlieda fi Triq ir-Repubblika fit-8 ta’ Jannar tal-2018.
Deniro Magri qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Sylvester Farrugia li kien inqatel b’tiri t’arma tan-nar fil-Marsa lura fi Frar tal-2017 wara li Farrugia kien prova jaħraq id-dar tal-akkużat.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli semgħet kif l-inċident seħħ qabel is-smiegħ ta’ seduta dwar il-każ tal-qtil ta’ Farrugia. Il-Qorti rat li minn kameras tas-sigurtà jidher li kien Magri li l-ewwel avviċina lill-akkużat u prova jagħtih daqqa ta’ ponn. Għalhekk kien aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu.
Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, Magri ma kienx instab ħati li darab ħafif lil Cassar fl-istess ġlieda.