Professjonisti fiċ-Ċentru tal-Emerġenza Għabex, li tilqa’ nisa vittmi ta’ vjolenza domestika u lil uliedhom, ma nnotawx żieda fl-ammont ta’ persuni li ġew riferuti għaċ-Ċentru tul żmien il-pandemija.
Dan intqal waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon flimkien mal-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar fiċ-ċentru. Hawnhekk intqal ukoll li l-professjonisti taċ-ċentru rreġistraw żieda fil-persuni fl-2018, l-istess sena li l-liġi dwar il-vjolenza domestika nbidlet. Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-qasam ukoll hu kruċjali fil-viżjoni tal-Gvern għall-ġustizzja soċjali.
“Tirrimarka l-impenn tagħna fis-soċjal. Ħafna jaħsbu li s-soċjal hu l-għoti tal-pensjonijiet, imma hemm ħafna servizzi oħra ili nagħtu u llum qed inżuru faċilità li tgħin f’din li hi vjolenza domestika. L-oqsma l-oħra għandhom l-istess importanza wkoll.”
Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar qalet li fis-socjal il-ħidma hi waħda kostanti specjalment fejn jidħlu pjagi bħal vjolenza domestika.
“Importanti li nkomplu nqajmu l-kuxjenza dwar dan, naħdmu u naraw li l-vittmi jsiru survivors u ngħinuhom jinqalgħu minn din il-problema reali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti qal li l-partijiet kollha nvoluti għandhom jiġbdu ħabel wieħed biex tkun miġġielda din il-problema.
“Din il-problema ma tafx fruntieri jew klassijiet soċjali u ġeneru. Importanti li nibqgħu niġbdu l-istess ħabel mill-istess naħa biex in-nies ikunu jafu li hawn biżżejjed għajnuna jekk wieħed jiġi bżonnha.”
Min ifittex l-għajnuna miċ-ċentru jieħu s-servizz għal bejn tliet xhur u sitt xhur, wara li jkunu ġew riferuti mill-Aġenzija Appoġġ. Wara li dawn iħallu ċ-ċentru l-professjonisti xorta jibqgħu jsegwu lill-persuna regolarment. Id-Direttur fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ qalet ukoll li d-djalogu mal-vittmi hu kruċjali fl-għoti tas-servizzi.
“Importanti li bħala Aġenzija Appoġġ inkomplu nibnu fuqhom u nisimgħu l-esperjenzi tal-vittmi biex is-servizzi jiġu bbażati fuq dak li l-vittmi jkunu għaddejjin minnu.”