Jason Zammit ta’ erbgħa u erbgħin sena minn Marsaskala u Stephen Galea ta’ wieħed u erbgħin sena li bħalissa qiegħed jiskonta sentenza l-ħabs, ma ngħatawx il-libertà proviżorja fuq akkużi ta’ frodi.
L-akkużati, li ma dehru xejn skomdi fil-qrati tal-ġustizzja, permezz tal-avukat tal-għajnuna legali Joe Brincat, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.
Fl-awla tal-qorti ntalbet il-libertà proviżorja tal-imputati iżda din ġie miċħuda fuq il-gravità tal-ammont ta’ flus li allegatment ingannaw minn terzi persuni li jammonta għal total ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro. Dan flimkien mal-fatt li wieħed mill-akkużati m’għandux residenza u bħalissa qiegħed joqgħod fil-faċilità korrettiva.
Jidher Jason Zammit xtara vann li fih kien hemm kotba taċ-ċekkijiet ta’ terzi persuni u l-imputati għamlu użu minnhom biex b’hekk ingannaw minn tal-anqas ħames kumpaniji. Instab ukoll li l-vann kien qed jiġi misjuq bi pjanċi misruqa.
L-akkużati talbu divjett fuq isimhom hekk kif Galea għandu ibnu li jixtieq jipproteġi filwaqt li Zammit kien se jibda xogħol ġdid nhar it-Tnejn li ġej. Minkejja dan, il-Maġistrat Clarke ma ħassitx li huma raġunijiet validi sabiex jiġi ordnat divjett.