Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, George Frendo, ta’ 57 sena li joqgħod iż-Żurrieq, ġie mixli li fil-31 ta’ Mejju kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis u kokaina, li kiser il-ħelsien mill-arrest, u li sar riċediv.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Mark Anthony Mercieca semma kif waqt osservazzjoni lill-akkużat f’Ħal Luqa u waqt tfittxija fil-vettura tiegħu, il-pulizija sabet mas-€16,000.
Fi tfittxija li saret fir-residenza tiegħu fiż-Żurrieq, jum wara, il-pulizija sabet xi boroż bil-ħaxixa, li huwa stmat li kien fihom bejn għaxar u 12-il kilogramma ta’ ħaxixa. Kienu nstabu wkoll madwar żewġ kilogrammi ta’ kokaina.
George Frendo wieġeb li mhux ħati. Għalih, dehru l-avukati Jacob Magri u Arthur Azzopardi, li talbu l-ħelsien mill-arrest. Madankollu, din it-talba ġiet miċħuda mill-Qorti.
Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni u ħarġet ordni ta’ iffriżar tal-assi kollha tal-akkużat.