Joseph Scicluna ta’ 53 sena minn Ħad-Dingli ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq quddiem il-Qorti akkużat bl-attentat ta’ qtil fuq Mark Farrugia ta’ 43 sena, kmieni lbieraħ filgħodu.
Viżibbilment emozzjonat u mbikkem akkumpanjat minn diversi membri tal-familja tiegħu, ir-raġel iddikjara li mhux ħati.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat hekk kif ir-raġel għandu kondotta nadifa. Madanakollu, il-prosekuzzjoni qalet li l-motiv tal-argument oriġina minn xhieda li ta l-vittma kontra l-akkużat. Il-Qorti kkunsidrat ukoll minħabba li x-xhieda kollha jgħixu fl-istess raħal u jipprattikaw id-delizzju tal-kaċċa fl-istess żona.
Għalhekk hija ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti stiednet ukoll lil l-prosekuzzjoni sabiex mal-ewwel seduta jitressqu x-xhieda li baqa’ jidhru.
Id-difiża tmexxiet minn Dr Arthur Azzopardi, Dr Rene Darmanin u Dr Alfred Abela.