Matul il-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Diċembru, waqt ronda fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan, il-pulizija lemħu tlett irġiel barranin li allegatament kienu qegħdin jargumentaw bejniethom. Il-pulizija avviċinawhom u wieħed mill-irġiel beda juri sinjali ta’ agressjoni u ħebb u darab lill-pulizija.
F’post fuq is-sit soċjali ta’ Facebook, l-ispettur Sandro Camilleri, qal li l-pulizija ppruvaw jikkontrollaw l-individwu iżda dan baqa’ agressiv saħansitra wara li ġie arrestat u hedded lill-pulizja. Camilleri kompla billi qal li l-individwu prova jweġġa’ lilu nnifsu tant li kellu jittieħed il-poliklinika sabiex jeżaminah tabib. Ir-raġel qal lit-tabib tal-poliklinika li ġie attakkat mill-pulizija u li tajrulu sinna iżda t-tabib eskluda dan hekk kif ma kienx jidher li kellu xi ġrieħi f’ħalqu.
Ir-raġel ġie arrestat u tressaq il-Qorti fid-9 ta’ Diċembru quddiem il-Maġistrat Grazio Mercieca. Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma ngħatax il-libertà proviżorja.
Fir-ritratt jistgħu jidhru l-ġrieħi li sofrew il-pulizija waqt li ppruvaw jikkontrollaw ir-raġel aggressiv.