Davison Micallef ta’ 24 sena mill-Isla nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati meta tressaq l-Qorti akkużat b’pussess aggravat ta’ droga kokaina, eroina u tal-pjanta kannabis.
Micallef kien arrestat flimkien ma’ żagħżugħ ta’ sittax-il sena wara jiem t’osservazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
Minn tfittxija li saret f’residenza fl-Isla, il-pulizija sabu sebgħa u tletin pakkett mimlijin bis-sustanzi tad-droga kokaina u eroina filwaqt li nstabet pjanta tal-kannabis.
L-ispettur Kevin Pulis, fl-awla ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, qal li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu u bl-ammont li nstab kien kapaċi jissupplixxi lill-persuni kollha li jagħmlu użu mid-droga f’raħal żgħir.
L-avukati tad-difiża Franco Debono u Yanika Bugeja talbu għall-ħelsien mill-arrest fejn argumentaw li dan il-każ mhuwiex daqstant gravi meta mqabbel ma’ każijiet oħra apparti li l-imputat kkopera sew mal-pulizija.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba u qalet li għad iridu jixhdu xhieda pajżana.
Fiżikament aġitat fl-awla tal-Qorti, Micallef ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
Iż-żagħżugħ ta’ sittax -il sena mistenni jitressaq quddiem tribunal tal-ġustizzja aktar ‘il quddiem.