14,473 vot baqgħu ma nġabrux mill-Uffiċini tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar u fir-Rabat Għawdex. Dan ifisser li dawk li baqgħu ma ġabrux il-vot ma jistgħux jivvutaw fil-jum tal-votazzjoni.
Meta dan jitqabbel mal-elezzjoni ġeneral tal-2017, dan ifisser li kien hemm madwar 6,000 vot iktar li din id-darba ma nġabrux.
Sal-ġimgħa li għaddiet kien hemm madwar 37,000 vot li baqgħu ma nġabrux.
Dan juri li fi ftit jiem biss kienu ħafna li ġabru l-vot tagħhom huma nfushom mill-Kummissjoni Elettorali.
Intant, għada 4,200 votant se jkunu qed jivvutaw f’wieħed miċ-ċentri tal-Covid-19 madwar Malta u Għawdex. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissjoni Elettorali fis-Sala tal-Għadd tal-voti, lejliet lill-poplu jivvota.
Il-poloz tal-vot ta’ dawn iċ-ċentri se jkunu qed jingħaddu f’parti oħra tas-sala tal-għadd tal-voti.
Fl-istess konferenza, il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali qal kif għall-ewwel darba f’elezzjoni ġenerali, wara li din intużat b’suċċess fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali tal-2019, se tintuża s-sistema elettronika tal-għadd tal-voti.
Filfatt qal kif permezz ta’ din is-sistema r-riżultat se jkun ippublikat sbieħ it-Tnejn filgħodu, dan se jkun qed jinkludi wkoll il-kandidati kollha eletti.