Matul il-jum tal-Erbgħa qed titnaddaf it-triq fil-periferija ta’ Ħal Kirkop, triq li rat traġedja u li rat jitilfu ħajjithom ħames Franċiżi. Ma jifdal xejn ħlief il-memorja kerha tal-mument li waqa’ l-ajruplan u l-bikja tal-qraba u l-ħbieb ta’ dawk li tilfu ħajjithom.
Nhar it-Tnejn 24 ta’ Ottubru Fis-07.20, ajruplan militari tal-Lussemburgu tat-tip Fairchild Metroliner, li telaq minn Malta waqa’ ftit tal-ħin wara għaliex kellu problemi fit-tluq.
Fi stqarrija tal-Gvern Malti kkonferma li l-mejta b’rabta mal-inċident tal-ajruplan Fairchild Metroliner Mark III kienu ħames Franċiżi u ntqal li nstabu l-fdalijiet ta’ kollha kemm huma.
L-ajruplan kien irreġistrat l-Istati Uniti u mikri lill-kumpanija fil-Lussemburgu. Jirriżulta li dan huwa parti minn operazzjoni Franċiża li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar ħames xhur bil-għan li tinvestiga rotot ta’ traffikar illegali, primarjament traffikar tal-bnedmin u tad-droga.
It-titjira kienet irreġistrata mal-Malta Air Traffic Services bħala waħda lokali u kellha tkun lura Malta fi ftit sigħat mingħajr ma tinżel f’pajjiżi oħra.
Dan l-ajruplan mhux l-ewwel darba li kien telaq minn pajjiżna.