Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Membru Parlamentari Ewropew, Dr Alex Agius Saliba qal li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew il-poplu Malti u Għawdxi għadda messaġġ ċar ħafna li qiegħed iwarrab il-politika tal-mibgħeda, u li jrid rappreżentanti li jħobbu lil Malta u li lesti jaħdmu biex jiddefenduh dejjem u kullimkien. Huwa qal li n-nies għarfet il-ħsara li kienet qed issir u kkastigat lil min uża l-fiduċja li ngħatatlu biex jattakka lil Malta fil-Parlament Ewropew għal skopijiet partiġġjani.
Quddiem il-folla miġbura fl-attivita’ tal-Partit Laburista fil-Belt Valletta, Dr Agius Saliba ura l-gratitudni tiegħu lejn il-poplu Malti u Għawdxi li għażel li jkompli l-mixja mal-Moviment Laburista u għal darb’oħra ta l-appoġġ mistħoq lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa qal li dan ġie rifless ukoll fir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, fejn il-Partit Laburista kiseb maġġoranza storika f’sebgħin fil-mija tal-lokalitajiet, b’xi wħud minnhom il-Partit Laburista anke kiseb maġġoranza mill-ġdid wara diversi snin jew saħansitra kiseb il-maġġoranza għall-ewwel darba.
Fuq nota personali, Agius Saliba rringrazzja lin-nies li matul l-aħħar xhur laqgħuh, tkellmu miegħu u qasmu l-ideat tagħhom miegħu, u rringrazzja b’mod speċjali lill-Prim Ministru li emmen fih u għażel li jafdah b’din ir-responsabilita’. Huwa qal li jħossu grat u kburi li ngħata l-opportunita’ li jirrappreżenta lil Malta f’istituzzjoni daqshekk importanti bħalma huwa l-Parlament Ewropew u saħaq li ser jaħdem aktar minn qatt qabel biex ikun viċin in-nies. Fuq kollox wiegħed li fil-ħidma tiegħu dejjem ser ikun qiegħed iżomm f’qalbu l-valuri li trabbi bihom fil-Partit Laburista biex isarraf din il-fiduċja li ngħata f’ħidma favur Unjoni Ewropea b’aktar mobbilita’ u ġustizzja soċjali, u f’ħidma favur dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-MPE Alex Agius Saliba għal darb’oħra tenna l-wiegħda tiegħu li ser jaħdem bla heda biex jara li isem Malta jiġi mnaddaf mill-ħsara li saritlu, sabiex dejjem jiġi mħares l-interess tal-familji, tal-ħaddiema, taż-żgħażagħ, tal-industrija u n-negozji, tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda, tal-konsumaturi u kif ukoll tad-delettanti tal-kaċċa u l-insib f’Malta.