Raġel ta’ wieħed u sittin sena mill-Belt Valletta weħel tlett xhur ħabs talli ikkommetta atti indiċenti u immorali fil-pubbliku. Din ma kinitx l-ewwel darba li Paul Lughermo inqabad jagħmel atti indiċenti fil-pubbliku, anzi kien magħruf sew għal dan, għalhekk nstab li kien reċidiv.
Kien fi Frar ta’ sentejn ilu li l-Qorti tal-Appell Kriminali ikkonfermat s-sentenza ta’ ħtija li mmasturba fil-pubbliku fiż-żona tal-Fekruna fix-Xemxija. Lughermo kien akkużat ukoll li ffastidja mara, iżda ma nstabx ħati ta’ din l-akkuża minħabba teknikalita.
Minkejja li kienu diversi x-xhud li xehdu kif ir-raġel kien isegwi lill-vittma meta kienet tmur timxi tas-Sliema, b’ ħarstu iffukat fuqha u jimxi u jieqaf magħha, tant li kienet tħossha f’ periklu, il-Maġistrat ma setax isibu ħati li ta fastidju meta l-liġi li kiser kienet ta’ segwiment ta’ persuna bil-moħbi.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja saħaq li kien ċar li l-akkużat mhuwiex jifhem li ma tistax tagħmel dawn l-atti indiċenti fil-pubbliku għalhekk ma kellux għażla għajr li jagħtih sentenza ħabs fejn jista jirċievi għajnuna psikoloġika u psikjatrika professjonali. Minbarra tlett xhur ħabs, il-Qorti pprojbiet lir-raġel milli jersaq lejn tas-Sliema għat-tlett snin li ġejjin.