Ma jaf bl-ebda persuna b’diżabilità li tilfet xogħolha fl-aħħar xhur minħabba l-pandemija
Il-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, stqarr li ma jaf bl-ebda persuna b’diżabilità li tilfet xogħolha fl-aħħar xhur minħabba l-pandemija.
Huwa qal dan fi programm speċjali li xxandar l-Erbgħa filgħaxija fuq ONE, li ddiskuta l-ewwel sena ta’ tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, bis-sehem ta’ mistiedna minn kull faxxa tas-soċjetà.
Qal kif, “Jiena ma smajtx b’każ li ġie għandna – u aħna jiġu għandna ħafna każijiet – ta’ persuni b’diżabilità li tilfu x-xogħol minħabba l-COVID jiġifieri kemm l-entitajiet Governattivi kif ukoll il-privat, kienu hemm dejjem għal persuna b’diżabilità biex iżżomm l-impjieg tagħha.”
Oliver Scicluna, li min isegwih jaf li ma jdurx mal-lewża u jgħidha kif iħossha, qal li bħala Kummissarju u anki persuna b’diżabilità nnifsu, l-akbar uġigħ ta’ ras għalih f’Marzu tas-sena l-oħra, kienet l-impatt tal-pandemija fuq is-settur tal-persuni b’diżabilità.
Dan mhux biss b’mod finanzjarju imma wkoll fuq livell psikoloġiku.
Hawnhekk irrikonoxxa l-għajnuna tal-Gvern meta ħareġ skema ta’ paga minima għal persuni b’diżabilità li jaħdmu, fi żmien meta ma setgħux imorru għax-xogħol għax huma vulnerabbli.
Spjega, “Li persuna marret id-dar u f’moħħha żammet kalma għax taf li mhux se titlef ix-xogħol tagħha, dik kienet għajnuna kbira għax psikoloġikament, mhix qed tinkwieta li qiegħda d-dar u se titlef xogħolha.”
Oliver Scicluna rrikonoxxa wkoll kemm Robert Abela huwa Prim Ministru tan-nies, li jisma’ u jaġixxi.
Qal kif, “Affarijiet li jien bħala Kummissjoni bdejna nippushjaw fis-snin ta’ qabel, u forsi ma wasalniex, għalkemm fl-eqqel ta’ pandemija, bdew jimxu, jiġifieri eżempju l-ħidma li qed issir biex jinħoloq żblokk fejn tidħol problema ta’ insurance policies. Xi ħaġa li l-Prim Ministru kif tkellimna miegħu fuqha l-biċċa xogħol, mill-ewwel startja l-magna u l-enerġija biex jibda x-xogħol u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex tinstab soluzzjoni għal dil-biċċa xogħol.”
B’esperjenza kbira fis-settur soċjali, Oliver Scicluna appella biex f’dawn iż-żminijiet diffiċli għal kulħadd, jinġibed ħabel wieħed.
Qal, “Is-serħan tal-moħħ f’dawn iż-żminijiet huwa importanti, naħseb ilkoll kemm aħna responsabbli bħala soċjetà, bħala stakeholders, bħala unjins, li niġbdu ħabel wieħed mhux niġbdu ħabel kontra xulxin għax rajt affarijiet li l-azzjonijiet anki b’pika, jispiċċaw il-persuni b’diżabilità u anki persuni oħrajn, ibatu l-konsegwenzi.”