Permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, is-Surmast Jonathan Portainer Mifsud xejjen għal kollox kull allegazzjoni li ġiet intimidata minnu l-għalliema Joanna Mallia fl-aħħar jiem, għax ħadet sehem fil-podcast ta’ Jon Mallia, fejn ikkritikat is-sistema edukattiva.
Portanier Mifsud spjega kif, kulma għamel hu, kien li, bħala parti mill-proċedura, staqsa lill-għalliema żewġ mistoqsijiet li kellu d-dmir u d-dover li jagħmel bħala kap ta’ skola.
Jiġifieri kif ma talbitx permess, kif jagħmel kulħadd, biex tattendi għall-programm u biex tagħti ismijiet tal-istudenti li, skont dak li qalet, mhumiex jattendu l-iskola ħabba dak li sejħet stress ta’ eżamijiet, bil-għan li dawn jiġu indirizzati għall-ġid tagħhom.
Minkejja dan, is-surmast qal li l-għalliema baqgħet ma pprovdietlu l-ebda isem.
Il-Kap tal-iskola żied jgħid li, kuntrarju għal dak li ntqal, inkluż mill-Partit Nazzjonalista, li hu b’xi mod intimida lill-għalliema, il-konversazzjoni kienet waħda matura u edukata.
Hu xejjen ukoll kompletament l-allegazzjoni, li għamlet l-istess għalliema, jiġifieri li hu kien qiegħed jobdi ordnijiet “minn ta’ fuqu”, allegazzjoni li għamel ukoll tiegħu l-Partit Nazzjonalista.
Anzi hu tenna li, kemm ilu fil-professjoni, qatt ma kellu ndħil minn xi ħadd fil-mod kif imexxi jew jiddeċiedi.
F’Settembru li għadda, il-Ministeru tal-Edukazzjoni fakkar, kif isir kultant żmien, dwar regoli li jisħqu kif l-għalliema jridu jitolbu permess bil-miktub biex jitkellmu mal-midja.
Dan biex jiġi żgurat li l-kummenti tagħhom, bħala uffiċjali pubbliċi, jirriflettu l-veru għanijiet tat-tmexxija fis-sistema edukattiva u joqogħdu lura minn opinjonijiet personali jew dikjarazzjonijiet li jistgħu jiġu interpretati bħala politikament preġudikati.