Raġel ta’ 38 sena wieġeb ħati u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li għamel sensiela ta’ sparaturi b’arma waqt li kien xurban fil-Qawra fis-sigħat bikrin tal-Ħadd li għadda.
Ir-raġel mis-Serbja Draskovic Mijailo Ios li huwa magħruf ukoll bħala Mirko Horvat ittella’ l-Qorti akkużat li spara xi tiri fl-arja kif ukoll lejn karozzi pparkjati.
Ġie mixli wkoll li kien fil-pussess ta’ arma mingħajr liċenzja, talli kkawża ħsara b’mod volontarju, talli kien xurban fil-pubbliku u talli kiser il-paċi pubblika.
Is-Supretendent Mario Haber qal li r-raġel kien qed jagħti informazzjoni personali differenti lill-qorti u jekk jirriżulta li xi informazzjoni kienet falza, l-imputat ser jiġi mixli b’aktar akkużi.