Ma hemm l-ebda tifqigħa tal-Coronavirus fl-isptar Monte Karmeli.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv Stephen Sultana wieġeb b’mod ċar għal rapporti u saħaq li l-każijiet ta’ persuni infettati li hemm fl-isptar f’Ħ’Attard inġabu minn barra l-isptar.
“Le le le, m’hemm l-ebda tifqiegħa. Prattikament il-pazjenti qed ikunu iżolati f’sala apposta. Għandna tliet każijiet li ġew minn barra u s-sitwazzjoni hija purament ikkontrollata.” Stqarr Sultana.
Is-Sur Sultana spjegalna l-miżuri ta’ prekawzjoni li qed jieħu l-isptar għas-saħħa mentali.
Huwa saħaq, “Dawk il-pazjenti li qed jiġu admitted qegħdin f’żewġ cohorts separati ġol-isptar, ovvjament biex ma jitħalltux ma’ pazjenti oħra. Eventwalment imbagħad jekk Alla ħares qatt jidħol każ minn barra, dan qed inpoġġuh f’iżolament ġo swali apposta li qed ticcaterja l-COVID positive patients.”
Fl-isptar Monte Karmeli dawk il-persuni li jidħlu ġodda qed jinżammu kwarantina qabel ma jidħlu fis-swali ma’ pazjenti oħra.
Dan apparti li l-helpline 1770 li qed jgħin persuni affettwati mentalment mill-pandemija tal-COVID-19 issa qed jopera erbgħa u għoxrin siegħa, seba’ t’ijiem fil-ġimgħa.