Tifla ta’ 6 snin, ma tħallitx tapplika għall-passaport, minħabba li hija msemmija għal karattru popolari mis-serje Game of Thrones – li parti minnu nħadem f’pajjiżna.
Omm iċ-ċkejkna, Lucy, tkellmet mal-BBC, fejn qalu li sabiex Khaleesi tkun tista’ tapplika għall-passaport, hija teħtieġ il-konferma mill-Warner Brothers’, hekk kif huma xtraw il-jeddijiet fuq dan l-isem.
Khaleesi huwa l-laqam li ingħata lill-karattru interpretat minn Emilia Clarke fis-serje, li tinterpreta l-parti ta’ Daenerys Targaryen.
“Kont imnikkta, konna veru eċitati għall-ewwel btala flimkien”, qalet omm it-tifla, hekk kif kienet qed tippjana btala, li kienet ilha mixtieqa, f’Disneyland.
Il-mara, tkellmet ukoll ma’ Avukat, fejn ħareġ li l-jeddijiet tal-Warner Brothers’, ma kinux japplikaw għall-isem tal-persuni, u b’hekk kellha kull dritt tuża dak l-isem għal bintha.
L-omm, qalet li ladarba kien ħareġ iċ-ċertifikat tat-twelid, mingħajr ħadd ma qalilha xejn, ma kienx jagħmel sens li titwaqqaf milli tapplika għall-passaport.
Il-persuni inkarigati, talbu apoloġija, u qalu li dan kien nuqqas ta’ ftehim – minkejja li l-omm temmen li dan sar wara li hija tellgħet post fuq il-midja soċjali.