F’awla 14 kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Daniel Muka b’rabta mal-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski fid-dar tagħhom f’tas-Sliema lura fit-18 ta’ Awissu.
Il-Qorti semgħet liż-żewġt irġiel li kienu krew karozza lil Daniel Muka fl-istess żmien li sar ir-reat.
Wieħed minnhom irrakkonta kif hu kien kera karozza lil Muka tal-għamla Peogeot 207 sewda. Spjega kif Muka kien kera l-karozza fil-21 ta’ Awissu u kellu jirritornaha l-għada iżda ma marx.
Spjega kif imbgħad kien għaraf lil Muka mill-aħbarijiet u kien hemmhekk meta mar għand id-dipartiment tal-investigazzjonijiet kriminali tal-pulizija biex jgħidilhom b’kollox.
Raġel ieħor spjega kif huwa kien kera peugoet 107 bajda lil Muka wara li l-karozza l-oħra li kien krielu qabel ħabat biha. Stqarr kif Muka kien ħallsu l-eċċess fuq id-danni u dejjem ħallas taż-żmien li għamel jikri l-karozza. Stqarr li huwa kien kera karozza għal tlett ijiem, imbgħad kien qallu li ried iżommha għal xahar iżda spiċċa żammha għal madwar tliet xhur.
Dan sakemm il-karozza ġiet ittowjata mil-LESA wara li Muka kien ipparkjaha b’mod irregolari. Fil-qorti spjega kif kumbinazzjoni ix-xhud kien mar biex jiġbor il-karozza mingħand il-LESA dakinhar li seħħ il-qtil doppju.
Fil-Qorti ġew ippreżentati riċerki fuq il-karozzi kollha li b’xi mod kellhom x’jaqsmu mar-reat u fuq linja ċellulari, minn rappreżentanti ta’ Transport Malta u ta’ kumpanija tat-telekomunikazzjoni lokali.
Dan filwaqt li uffiċjal tal-pulizija mill-għassa tal-Belt ikkonfermat li meta għamlet it-tfittxija hi fuq sistema elettronika apposta, sabet li Muka ma kellux permess ikollu arma tan-nar fil-pussess tiegħu.