Mistoqsi minn ONE News dwar is-sitwazzjoni fid-djar tal-anzjani, il-Ministru responsabbli mill-anzjani Michael Farrugia qal li fl-aħħar għaxart ijiem mindu ġew rilaxxati xi miżuri ta’ żjarat fid-djar tal-anzjani, ma kien hemm l-ebda żieda jew bidla fin-numri ta’ każijiet ta’ Coronavirus.
Fi tmiem konferenza li matulha ġie inawgurat kumpless ġdid ta’ uffiċini għall-ħaddiema tar-residenza San Vinċenz de Paul, il-Ministru kkonferma kif dan is-suċċess qed jiġi diskuss mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika bil-għan li fil-ġranet li ġejjin, wara li tlaqqmu l-maġġoranza tal-anzjani u qed ikunu mlaqqma wkoll l-adulti f’pajjiżna, ikun hemm ftuħ aktar wiesa’ fid-djar tal-anzjani ħalli wara xhur sħaħ ta’ sagrifiċċju, ikunu jistgħu jgawdu lil qrabathom.